Postijiet Storiċi
Fanal tal-Ġordan
Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-Fanal ta’ Gordan bdew f’Ġunju 1852. Inbena sa għoli ta’ madwar 21 metru. Fil-15 ta’ Marzu 1853, Sir William Reid, Gvernatur ta’ Malta inawgura l-fanal li jaħdem biż-żejt. Ir-raġġ tiegħu tteptep f'intervall ta' ftit sekondi permezz ta' riflettur li jdur. Il-proġett kollu ġie inawgurat uffiċjalment minn Sir William Reid fil-11 ta’ Ottubru 1857. Imbagħad il-fanal ta’ Gordan kien jitħaddem permezz ta’ 21 lampa tal-pitrolju fissi li tefgħu d-dawl tagħhom fuq riflettur li jdur.
Wied il-Għasri
Wied il-Għasri għandu s-sors tiegħu fl-Għolja ta’ Dbiegi. Jidawwar minn L-Għasri bejn iż-Żebbuħ u l-Għolja ta’ Giordan u joħroġ fil-baħar bejn irdum impressjonanti għoljin ħafna. Wied il-L-Għasri huwa popolari ħafna mal-għaddasa li jħobbu jesploraw l-għerien taħt l-ilma tal-madwar.
In-Niċċa tal-Madonna tal-Lunzjata
Din in-niċċa antika ħafna tinsab fil-qalba tar-raħal, f’qiegħ Triq Salvu Gambin kantuniera ma’ Triq il-Knisja. Id-data minquxa fuq wara tal-ġebel, il-5 ta’ Frar 1773, tindika li għandha madwar 229 sena. It-tinqix u l-istil tal-ġebel huwa tipiku ħafna tal-biċċa l-kbira tan-niċeċ madwar Għawdex. Iż-żewġ effiġi ġewwa n-niċċa juru lill-Anġlu Gabrijel iħabbar lill-Verġni Marija li kienet se tkun Omm l-Iben t’Alla.
Il-Maxrabija Windows
Fil-gżira Għawdxija hemm tliet twieqi uniċi ħafna msejħa il-Maxrabija. Tnejn minnhom jinsabu L-Għasri. Skont id-Dizzjunarju Malti-Ingliż miktub mill-Profs Joseph Aquilina, id-definizzjoni ta’ maxrabija hija “tip ta’ tieqa (stil tal-Għarbi) li minnha wieħed jista’ jħares u jara mingħajr ma jidher.”